Kummiedja Teatrali ta’ Sam Delceppo
Direzzjoni ta’ Soraya Chetcuti


Teatru tal-Junior College, l-Imsida
Il-kummiedja Fredu l-Fra teħodna fir-raħal kwiet ta’ Ħal Ħemda. Kif jissuġġerixxi ismu, f’dan ir-raħal pittoresk, ftit li xejn jiġru affarijiet... imma meta jiġri xi ħaġa, ir-raħal kollu ikun jaf biha!
Fredu, ġuvni kwiet u tal-affari tiegħu, jieħu deċiżjoni li tissorprendi lil kulħadd – Iddeċieda li jidħol Fra!
Din l-aħbar ma tantx tinżel tajjeb ma’ oħtu Ġuża, li kienet tgħix miegħu. Kif se tidra d-dar vojta? Kif se tqatta’ l-ġranet u l-iljieli mingħajru?
Imma donnu d-destin kellu pjan ieħor. Ftit jiem wara li Fredu jidħol fil-kunvent, jitfaċċa Reno – raġel gustuż u muskolat li mal-ewwel jiġbed l-attenzjoni ta’ Ġuża. Imma Reno jħoss l-istess tfexfix? Jew forsi għandu pjanijiet oħra?
Lanqas Lucy ma taċċetta faċilment id-deċiżjoni ta’ Fredu. Sa minn meta kienu tfal, kienet tħares lejh b’għajnejn differenti, u issa tiddeċiedi li tagħmel minn kollox biex tbiddillu fehmtu. Min-naħa tagħha, Ġuża twiegħed lilha nnifisha li tagħmel dak kollu possibbli biex twaqqaf lil Lucy. Min se jirbaħ din il-battalja?
Fil-kunvent ta’ Ħal Ħemda, l-aħbar tintlaqa’ b’ferħ kbir. Fl-aħħar se jkollhom Fra biex jgħinhom! Patri Piet diġà qed joħlom b’ikliet ta’ livell ta’ Michelin, filwaqt li Patri Pupul, li faċli taqbiżlu ċ-ċinga, jifraħ mhux ftit bl-aħbar li jwassallu Patri Ġilormu... għax, kif jaf kulħadd, lil Patri Ġilormu ma jaħrablu xejn! Fortunatament hemm ukoll Patri Gwardjan, li b’għaqal u paċenzja jipprova jżomm l-ordni fil-kunvent. Imma... tassew li kollox se jimxi kif ppjanat?
F’din il-kummiedja mimlija daħk u sitwazzjonijiet divertenti jieħdu sehem Jonathan Bonello, Soraya Chetcuti, Anthony Ellul, Pawlu Bonello, Tonio Vella, Daniel Borg Carbot, Ray Abdilla u Kim Ancilleri. Il-kitba hija ta’ Sam Delceppo, filwaqt li d-direzzjoni hija f’idejn Soraya Chetcuti.
Int ukoll tista tiskopri magħna l-ġrajja ta’ Fredu l-Fra fil-31 ta’ Ottubru fis-7:00pm u fl-1 ta’ Novembru fit-3.00pm, fit-teatru tal-Junior Collage, l-Imsida. Biljetti minn: passwarapass.com jew ċempel 9907 6107.
Fredu l-Fra…kummiedja teatrali. Taħsbu li Fredu jirnexxilu jidħol Fra?
Kitba - Sam Delceppo
Sam Delceppo kien awtur prolifiku li ħalla warajh wirt letterarju u teatrali sinifikanti. Kiteb tliet rumanzi, numru kbir ta’ novelli u diversi xogħlijiet li ġew ippubblikati f’Malta, filwaqt li wħud minnhom anke xxandru fuq stazzjon tar-radju fl-Awstralja. Fost il-kitbiet l-aktar magħrufa tiegħu nsibu s-sensiliet televiżivi Sptar San Valentinu, Imbierek il-Għażż u Fredu l-Fra.
Tul il-karriera tiegħu rebaħ diversi unuri għall-ħidma tiegħu fil-qasam tar-radjudrammi, teleplays u sensiliet televiżivi. Kiteb ukoll għadd kbir ta’ kummiedji teatrali, fosthom Fredu l-Fra, li ttellgħet b’suċċess fuq il-palk kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Fost il-pubblikazzjonijiet tiegħu nsibu ġabra ta’ novelli fil-magażin L-Antenna, ir-rumanz Il-Qtil tat-Tabib Zammit, kif ukoll rumanzi oħra li xxandru fuq ir-radju jew baqgħu lesti għall-pubblikazzjoni. Fl-2015 ippubblika r-rumanz Passjoni ta’ Mħabba.
Minbarra l-kitba, Sam Delceppo kien ukoll attur tat-teatru u ta’ bosta radjudrammi, ħafna minnhom miktuba jew prodotti minnu stess u mxandra fuq ir-Rediffusion.
Fis-snin tal-irtirar tiegħu, Sam Delceppo ddedika kważi l-ħin kollu tiegħu għall-kitba, b’passjoni kbira lejn il-letteratura, it-teatru u l-kultura Maltija, u baqa’ jħalli kontribut siewi sal-aħħar snin ta’ ħajtu.
Direzzjoni - Soraya Chectcuti

Soraya Chetcuti hija waħda mill-aktar attriċi u diretturi magħrufa fix-xena teatrali Maltija. Matul is-snin ħadmet fuq diversi produzzjonijiet ta’ suċċess, fejn dejjem spikkat għall-kreattività, il-passjoni u t-talent tagħha. Bil-ħila tagħha li tagħti l-ħajja lill-karattri u tmexxi produzzjonijiet b’mod professjonali, kisbet ir-rispett tal-pubbliku u tal-kollegi tagħha.
"Nistqarr li l-ewwel sens ta' direzzjoni fejn tidħol drama beda go fijja minn meta kelli biss madwar erbatax il sena, meta lhaqt dik l-età kont qlajt video camera bhala rigal u minn dakinhar stess bdejt inharbex xi films qosra u nesperimenta b'dak kollu li jiġini go mohhi, nigbor grupp hbieb u nidderieġi u niffilmja kif stajt bir-rizorzi li kien ikolli. Kont naghmel mil ahjar li nista' u ghalkemm xejn ma kien professjonali nemmen li dik kienet il-bidu tat triq tieghi f'dan il-qasam."
"Għaddew is-snin u meta kbirt u dhalt sewwa fix-xena tat-televiżjoni u teatru bhala attriċi, bdew gejjin ukoll okkazzjonijiet fejn gejt offruta li ukoll nidderiegi xi proġetti. Inhobb hafna nirreċta imma nammetti ukoll li id-direzzjoni hija xihaga li illum saret parti minni u l-akbar sodisfazzjon ghalija ikun meta it-tim ta' atturi bravi li nkun qed naħdem maghhom fit-taghli proġett ituni dak kollhu li jien nkun imnaginajt biex b'hekk flimkien, bhala tim tal-produzzjoni nkunu nistgħu nwasslu l-aqwa divertiment lill-pubbliku u segwaċi tagħna."
F’Ottubru li ġej se tkun qed tidderieġi l-kummiedja teatrali Fredu l-Fra, produzzjoni li twiegħed ħafna daħk u divertiment. L-entużjażmu, il-viżjoni artistika u l-attenzjoni tagħha għad-dettall jagħmluha waħda mill-aktar diretturi apprezzati fit-teatru Malti.






